Skip to main content

Għoli tal-ħajja? U le, kulħadd bil-mobile f’idu!



Ftit tal-ġranet ilu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna urta ħafna nies meta ta x’jifhem li f’Malta m’hawnx faqar għax hawn ħafna nies li għandhom mobile. Tisma oħrajn li jgħidulek li m’hawn faqar għax ir-ristoranti dejjem mimlijin. Imma dan ir-raġunar jagħmel sens?




L-ewwel nett, fid-dinja tal-lum affarijiet bħal mobile m’għadhom kapriċċ. Saru kważi bżonn. In-nuqqas ta’ aċċess għall-internet, għas-servizzi onlajn, għal media soċjali, huwa wkoll meqjus bħala faqar ġdid fid-dinja tal-lum.

Lanqas m'hu ġust li tnessi l-faqar ta’ min għandu problemi u tipprova tgħattieh bil-ħafna li forsi m’għandhomx u jaffordjaw joħorġu jieklu barra. Ma ninsewx li f’pajjiżna kien hawn ukoll żieda fil-popolazzjoni, speċjalment minn barranin, illi joħorġu jieklu, jixtru u jipparteċipaw fl-ekonomija, iżda ma jfissirx li l-istandard tal-ħajja tal-Maltin żdied bil-preżenza tagħhom.

Fil-budget tħabbret żieda ta’ €2.33, li suppost għandha tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. Imma din iż-żieda hija biżżejjed?

Ċifri tal-Gvern juru li l-inflazzjoni fl-ikel, l-iktar ħaġa bażika li kulħadd iridx jixtri biex jgħix, mill-fqir sas-sinjur, miż-żgħażugħ sal-anzjan, żdiedet b’€4.37 għal kull €100. Dan ifisser li jekk tagħmel xirja ta’ €100 fil-ġimgħa, din l-istess xirja issa saret tiswik €104.37 (ara hawn). Issa din l-inflazzjoni ħarġet fiċ-ċifri ta’ Settembru u allura ma tinkludix iż-żidiet imħabbra din il-ġimgħa fil-prodotti tal-ħalib. Dawn iż-żidiet kienu jinkludu (ara hawn)

  • Yogurt naturali minn 26ċ għal 31ċ,
  • Yogurt tal-frott minn 33ċ għal 38ċ,
  • Irkotta minn €2.74 għal €3.04 kull kilo,
  • Mozzarella minn €1.45 għal €1.79 kull kwart,
  • Ġbejniet minn €7.80 għal €9.40 kull kilo,
  • Ġbejna friska minn 70ċ għal 75ċ, 
  • Butir minn €2.10 għal €2.54




Xirja tipika ta’ ġimgħa għal familja ta’ erbgħa min-nies li tinkludi xi tmien yogurts, nofs kilo rkotta, pakkett butir u ġbejna jew mozzarella ġiet tiswa mal-€1.50 aktar fil-ġimgħa. Dawn iridu jiżdiedu mal-€4.37 għal kull €100 inflazzjoni fl-ikel. Altru milli ttieklet iż-żieda miżera ta’ €2.33 li ta l-budget!

U ma’ dawn wieħed ma jridx jinsa ż-żidiet fil-petrol u diesel li hawn Malta għolew flok ma naqsu, meta ma kien hemm l-ebda żieda fil-prezz taż-żejt, is-serq li qed isir fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma bis-sistema l-ġdida li qed iħaddem il-Gvern u li ma jridx jibdel biex tkun iżjed ġusta mal-konsumatur, u ż-żidiet fenomenali fil-prezzijiet tal-kirjiet u tal-propjetà.

Dan kollu fil-kuntest ta’ pajjiż li suppost għaddej mill-“aqwa żmien”. Iżda l-aqwa żmien ma jidhirx li qed jgħix fih kulħadd. Żgur qed tgħix fih Deborah Schembri, b’€160,000 fis-sena konsulenzi (barra mix-xogħol privat tagħha). Żgur qed jgħix fih Edward Zammit Lewis, b’konsulenzi ta’ €100 fis-siegħa barra mix-xogħol privat tiegħu. Żgur qed jgħix fih Cyrus Engerer b’€110,000 fis-sena. Żgur qed jgħix fih Keith Schembri, b’aktar min-nofs miljun f’kuntratti tal-Gvern li nafu bihom (apparti l-flus fil-kontijiet moħbija li ma nafux).

Mhux l-istess għal ħaddiem, li qed jara l-għafsa fuq il-paga tiegħu tiżdied, u li qed jiġi out-priced f’pajjiżu biż-żidiet mhux pjanati fil-popolazzjoni. Nistaqsi lin-nisa tad-dar li qed ikollhom jerġgħu joħorġu jaħdmu, mhux għax iridu, iżda għax inkella ma jgħaddux. Lil dawk li apparti x-xogħol iridu jagħmlu part-time jew tnejn. Mhux għax iridu, iżda għax inkella ma jlaħħqux. Lil dawk li qed ikollhom jgħixu fil-garaxxijiet u fil-karozzi, mhux għax iridu, iżda għax saqaf ma jsibux. Lill-koppji żgħażagħ li għadhom bla dar, għax post li jistgħu jħallsu ma jsibux. Lil persuni single li jixtiequ jgħixu għal rashom iżda saqaf li jaffordjaw għalihom m’hawnx. Intom qegħdin tgħixu l-aqwa żmien? Jew l-aqwa żmien hija biss propoganda ta’ min intilef fl-iffangar, u jaħseb li għax kuntent hu, kuntent kulħadd?




Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 28 t' Ottubru 2018

Comments