Skip to main content

L-għalliema huma professjonisti


Din il-ġimgħa rajna daqqa ta’ ħarta oħra għal professjoni tal-għalliema. Wara li l-għalliema twiegħdu rispett u dinjità, u żidiet li “qatt ma raw bħalhom”, biex forsi jonqos l-eżodu tal-għalliema mill-professjoni u jiġi indirizzat in-nuqqas tagħhom, qed ikompli jiġi kkonfermat kemm minn dan il-kliem għall-fatti hemm baħar sħiħ jikkumbatti.

L-għalliema malajr irrealizzaw li dawn iż-żidiet fil-verità ssarrfu f’żidiet miżeri, fejn żewġ għalliema f’xahar żdiedu inqas minn kemm qed jieħu Edward Zammit Lewis f’konsulenzi mingħand il-Gvern fis-siegħa!

Issa ġiet daqqa ta’ ħarta oħra bit-tibdil propost fl-avviż legali. L-iktar bidla li qed toħloq kontroversja hija l-mossa li l-warrant ta’ għalliem mhux ser jibqa’ permanenti, iżda ser ikollhom jerġgħu japplikaw għalih u jġedduh kull sena. Dan hu pass lura mill-avvanzi li saru lill-professjoni sa mill-Att li kien daħħal Partit Nazzjonalista fl-1988.



Dan il-Gvern qed jinsa li l-għalliema mhumiex biss għodda jew nies li juża’ u jinqeda bihom. L-għalliema huma professjonisti, u għandhom jiġu stmati ta’ tali. Fl-ebda professjoni oħra ma tintalab terġa’ tapplika għal warrant kull sena. Fl-ebda professjoni oħra ma inti daqshekk mhux afdat, li lanqas biss int afdat tagħmel il-photocopies li għandek bżonn fuq xogħolok, għal lezzjonijiet tal-istudenti. Għax niftakru li anke hawn, dan il-Gvern ħareġ ordni biex il-photocopies jiġu ordnati kollha mill-istamperija tal-Gvern, ordni li tant kien hemm reazzjoni negattiva għaliha li jidher li issa irtira. Imma nippruvaw hux, ma tmurx il-Kasco jitlef xi ewro qliegħ mit-tenders li ħa hemmhekk.



U allura bir-raġun li l-MUT waslet fix-xifer li tordna strajk għall-għalliema. Hemm bżonn naraw kif ser insaħħu din il-professjoni, kif l-għalliema ser intuhom aktar għodod, riżorsi, u awtonomija, mhux kif ser ninkalzrawhom u nagħmlulhom ħajjithom diffiċli. Fl-aħħar mill-aħħar dawn huma fdati biex jibnu s-soċjetà ta’ għada, biex jiffurmaw il-ġenerazzjoni ta’ għada, biex jedukaw lil uliedna. U ħafna minnhom imorru lil hemm minn dak li hu mistenni minnhom.

Ftit isemmu l-ħinijiet li l-għalliema jqattgħu d-dar, iljieli u weekends, jippjanaw il-lezzjonijiet u jadattawhom għal klassi li jkollhom. Ftit isemmu l-attenzjoni li l-għalliema jagħtu lil kif ikunu qed iħossuhom it-tfal, kif qed jibnu l-karattru tagħhom, kif ser jiffurmawhom, u mhux biss kif ser jgħallmuhom it-tagħrif. Ftit isemmu l-flus li l-għalliema joħorġu minn buthom biex jibqgħu għaddejjin meta jkunu affaċċjati b’nuqqas ta’ riżorsi mill-iskola. Ftit isemmu l-ikel li naf ċertu għalliema jixtru lil tfal li minħabba ċ-ċirkustanzi familjari tagħhom ġieli jmorru l-iskola mingħajr lunch.




L-inqas ħaġa li nistgħu nagħtu lil għalliema huwa r-rispett u d-dinjità, u idealment ma’ dan, rimunerazzjoni li tirrifletti l-professjonalità ta’ xogħolhom. Li żgur ma għandniex nagħmlu huwa assedju fuq il-professjoni kif qed isir bħalissa.

U kull professjonist għandu jkun magħhom f’dan il-mument, għax għada jaf tmiss lil professjoni tiegħu. U kull ġenitur għandu jkun magħhom f’dan il-mument, għax dawn qed jiffurmaw lil uliedu. U kull student għandu jkun magħhom f’dan il-mument, għax is-sagrifiċċji li dawn jagħmlu għalih huma imprezzabbli.



Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 07 t' Ottubru 2018

Comments