Illum jiġi fi
tmiemu l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Kunsill Ġenerali li għal
darb’oħra tlaqqa’ fuq medda ta’ ġimgħa biex jagħti spazju għal aktar
Kunsilliera jipparteċipaw. Kunsill Ġenerali li ddiskuta dokument politiku “Ġid
għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha”,
dokument li sar fuq medda ta’ xhur bl-għajnuna ta’ grupp dedikat ta’
professjonisti, ekonomisti u analisti. Huwa dokument dettaljat iżda huwa faċli
li jinqara, u wieħed jista’ jniżżlu billi jidħol fuq dan il-link.
Id-dokument jibda
billi jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni preżenti. Għal dan ibbażajna ruħna fuq
statistika uffiċċjali, kemm tal-Gvern u kemm tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel
statistika li nħarsu lejha hija dik tal-popolazzjoni. Bejn l-2005 u l-2012,
il-popolazzjoni kienet qed tikber b’rata naturali ta’ bejn elf u ħamest elef
fis-sena. Mill-2013, il-popolazzjoni bdiet tikber b’rata ta’ bejn sebat
elef u ħmistax-il elf fis-sena. Issa
nafu li r-rata tat-twelid u l-imwiet, u allura r-rata naturali taż-żieda
fil-popolazzjoni, baqgħet xi ftit jew wisq l-istess. Li jfisser li l-qabża
l-kbira f’din ir-rata kienet l-immigrazzjoni ta’ ħaddiema barranin.
Issa x’inhuma
r-riperkussjonijiet ta’ dan il-mudell ekonomiku, li jfittex li jkabbar
l-ekonomija billi jżid il-popolazzjoni tal-ħaddiema, partikolarment ħaddiema li
jaħdmu b’cheap labour?
L-ewwelnett,
wieħed irid jippjana l-infrastruttura, it-trasport, l-istock tal-housing, is-servizz
tas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-qafas soċjali, biex issa jkun jiflaħ għal din
il-qabża f’daqqa f’dik li hi domanda u użu tagħhom. Dan żgur li ma sarx. Tant
ma sarx li ċ-ċifri tal-popolazzjoni li kien qed jagtħi l-Gvern, 5 snin wara
induna li kienu żbaljati. U mhux bi ftit tafx, kien qed imur żmerċ b’għoxrin
elf ruħ. U jekk lanqas taf kemm għandek nies, kif tista’ tippjana l-pajjiż
għalihom?
It-tieni, dan
naqqas is-saħħa tal-ħaddiema li jkunu jistgħu jinnegozzjaw pagi aħjar. Għax
malli jiftħu ħalqhom, min jimpjegahom faċilment jheddidhom li jsib lil xi ħadd
ieħor b’paga iżjed baxxa. U dan hu konfermat miċ-ċifri. Ir-rata li biha kienu
qed jiżdiedu l-pagi f’dawn is-sitt snin hija inqas mis-sitt snin ta’ qabel, li
kienu jinkludu riċessjoni internazzjonali. U anke meta wieħed iħares lejn it-tqassim tal-ġid nazzjonali bejn
pagi u profitti tal-kumpaniji, wieħed jara li sal-2012 dawn kienu mqassma bejn
wieħed u ieħor bin-nofs, mentri illum il-ġurnata jmorru mal-55% għal kumpaniji
u 45% għal pagi, li turi li naqas kemm mill-ġid li qed jinħoloq qiegħed jinżel
‘l isfel għand il-ħaddiem.
Dan joħroġ ukoll
meta wieħed iħares lejn il-prodott gross domestiku ta’ Malta. Meta qabel,
il-PGD kien jikber biż-żidiet fil-pagi u mhux biż-żieda fil-popolazzjoni,
ir-rata tat-tkabbir ekonomiku kienet bejn wieħed u ieħor tirrefletti r-rata
tat-tkabbir tal-individwu. Illum il-ġurnata din m’għadhiex hekk. Iċ-ċifri juru
li waqt li l-PGD tela’ minn 84% tal-medja Ewropea għal 96% bejn l-2012 u
l-2017, il-konsum inidividwali tal-individwu niżel minn 80% għal 78%. Dan juri
li filwaqt li ċ-ċifri nazzjonali juru li l-pajjiż qed jikber, fuq rata
individwali maħniex immorru għall-aħjar. Il-pajjiż qed jikber għax hawn iktar
bħali, mhux għax jien kbirt.
Mill-banda
l-oħra, ir-riperkussjoni l-oħra hija li din iż-żieda fid-domanda għas-servizzi
kollha, qed twassal f’żieda qawwija fil-prezzijiet. Prezzijiet tal-ikel,
tal-proprjetà, tal-kera qed jisplodu.
Il-fuels baqgħu għoljin meta l-prezz
taż-żejt qiegħed f’livelli baxxi ħafna (u issa grazzi għal 17 Black forsi qed
nifhmu għalfejn). Dan żied il-faqar finanzjarju b’madwar għaxart elef ruħ. Qed
naraw nies jorqdu barra, nies jgħixu fil-karozzi u fil-garaxxijiet, oħrajn
jinżammu fl-istalel.
Il-Partit
Nazzjonalista jrid jippreżenta mudell ekonomiku differenti. Ekonomija li tikber
mhux għax inżidu n-nies, li nafu li mhix xi ħaġa sostennibbli b’din ir-rata
għal ħafna żmien twil, iżda għax intejbu l-kwalità tal-impjiegi, għax noħolqu niċeċ ġodda. U dan
nafu kif nagħmluh, xhieda ta’ dan hija l-ħamsa u għoxrin sena li fihom
il-Partit Nazzjonalista dejjem kabbar l-ekonomija bil-ħolqien ta’ impjiegi ta’
kwalità, u mhux b’soluzzjonijiet ħfief iżda li ma jħarsux ‘il quddiem. Irridu
wkoll nerġgħu nagħtu spirtu u ruħ lil dan il-pajjiż. Nazzjon li jemmen f’valuri
demokratiċi, liberali Ewropej li sawwruna, li jemmen fi qliegħ onest u
fid-diċenza, li jkun kburi bl-istorja tiegħu u jerġa’ jibni r-reputazzjoni
tiegħu u li jissalvawardja l-ilsien tiegħu.
Dan hu dak li qed jippreżenta quddiemna dan id-dokument. Dan hu li jrid
jippreżenta lill-poplu l-Partit Nazzjonalista. Din hi l-alternattiva għal
politika ta’ serq u ingann li għexna f’dawn il-ħames snin. Flimkien dan nistgħu
inwassluh għand in-nies u nikkonvinċu bih.
Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 25 ta' Novembru 2018
Comments
Post a Comment