Skip to main content

Iċ-ċittadinanza tal-magni – l-aħħar ġennata




Il-Gvern Malti, fis-sapjenza kbir tiegħu u fil-ġirja biex jurina kemm hu innovattiv, ħareġ bl-idea li tingħata ċ-ċittadinanza lir-robots, lill-magni (ara hawn).

Issa min jistudja l-intelliġenza artifiċjali jaf li waħda mill-kwistjonijiet u d-dilemmi kbar tal-intelliġenza artifiċjali hija jekk din qatt issir biżżejjed konxja tagħha nnifisha li tibda tiddeċiedi aktar għal ġid tagħha milli tal-bniedem. Jekk għadx jasal żmien li din tant issir intelliġenti li tibda taspira għad-drittijiet tal-bniedem, anzi flok tibqa’ magna li taħdem għal bniedem, tipprova ssir magna li tjassar il-bniedem u twassal lill-bniedem jaħdem għaliha.

Forsi għad baqa’ biex l-intelliġenza artifiċjali tavvanza tant li tkun tant konxja. Iżda jekk xi darba tasal, naħseb l-għan tar-razza umana jkun li jikkontrolla dan il-livell ta’ intelliġenza, mhux iħallieh jaħrab mill-kontroll tiegħu u jsir razza superjuri aktar mill-bniedem.

Iżda fl-għerf tagħna, Malta qed nivvintaw li nżidu u nkabbru l-problema qabel tinħoloq. F’tentattiv li niddevjaw id-diskussjoni mill-kwistjonijiet il-kbar li qed jaħkmu l-pajjiżna: il-faqar li qed jiżdied, ir-regħba li qed teqred l-ambjent u l-arja tagħna, il-korruzzjoni li qed tfarrkilna r-reputazzjoni, u l-kriminalità li ħadet lill-pajjiż f’idejha, ħriġna bil-ġennata li tingħata ċ-ċittadinanza lil dawn il-magni.



Din bla dubju hi biss stunt li tista’ tiġi mwaqqfa fi kwalnukwe’ Qorti. Iċ-ċittadinanza u l-liġijiet tagħna qegħdin hemm biss għal bniedem, u mhux għal magni. Timmaġina magna bid-dritt li tivvota? Bid-dritt tal-benefiċċji soċjali? Bid-dritt ta’ passaport, u ta’ safar u aċċess f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?

Anke fuq livell etiku, għandna bla dubju nevitaw li b’xi mod inħawdu l-magni mal-bnedmin. Għax fuq kollox, kull deċiżjoni li tieħu magna ser teħodha fuq ir-regoli jew is-sens ta’ etika li jkun programmalha l-bniedem. Għad-differenza mill-bniedem, almenu s’issa, il-magna m’għandhiex għażla libera li tagħżel il-valuri u l-etika li ħa timxi fuqha hi, waħedha, imma timxi fuq kif ġiet programmata.

Aħjar flok il-Gvern Malti jintilef jipprova joħloq problemi xi jsolvi fejn il-problemi għadhom ma jeżistux, jipprova jsolvi l-problemi li diġa’ jeżistu. Nafu per eżempju fil-problemi fis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Prim Ministru jaf li qed jinħarġu ħażin. Il-Gvern ilu jaf li qed jinħarġu ħażin. L-Enemalta ilha taf li qed jinħarġu ħażin. Iżda flok ħarġu b’soluzzjoni, ilhom snin jistennew u jtawwlu u jippruvaw jaħbuha, u joffru l-flus lil min fetħilhom il-kawża biex din ma toħroġx fil-beraħ.

Aħjar jibda jsolvi l-problema tat-trasport, mhux billi nwessgħu toroq li fi ftit tas-snin ħa jerġgħu jimtlew, iżda billi nibdew ninvestu f’sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti u li verament tagħmilna fuq livell ta’ bliet kbar Ewropej.

Aħjar jibda jsolvi l-problema tal-prezzijiet tal-kera u tal-proprjetà li qed tkisser anzjani, persuni single u koppji żgħażagħ.

Aħjar jibda jsolvi l-problema tal-prekarjat, li kibbret aktar iżjed ma ġibna ħaddiema barranin jikkompetu b’pagi iżjed baxxi.

Iżda le, ejja niddevjaw l-attenzjoni u niddiskutu ċ-ċittadinanza tal-magni. Hekk jew hekk, la l-istat ġibnieh bla ruħ, jaqbel li jkollna ċittadini bla ruħ ukoll.



Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 04 ta' Novembru 2018

Comments