Skip to main content

Il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew



Matul il-ġimgħa li għaddiet, flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, attendejna għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (EPP). Il-Partit Popolari Ewropew huwa l-familja ta’ partiti taċ-ċentru u partiti bbażati fuq id-Demokrazija Kristjana li l-Partit Nazzjonalista jagħmel partit minnha. Fil-Parlament Ewropew, dan hu l-ikbar Partit, u għalkemm m’għandux maġġoranza assoluta u allura jiddependi minn alleanzi u koalizzjonijiet ma’ partiti oħra f’ħafna mill-leġislazzjoni li jressaq, bla dubju ta’ xejn huwa l-akbar Grupp influwenti. Fil-fatt, kemm il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, huma kollha politiċi ġejjin minn dan il-Partit.

Kien biss is-sena l-oħra li Malta organizzat dan il-Kungress annwali. Din is-sena, dan il-Kungress sar fil-belt ta’ Helsinki fil-Finlandja. U ma kienx Kungress normali, kien Kungress li fih saret l-elezzjoni ta’ dak magħruf bħala Spitzenkandidat tal-EPP għall-President tal-Kummissjoni Ewropea fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla. Tgħiduli x’għandu x’jaqsam il-President tal-Kummissjoni mal-Parlament Ewropew?

Sistema li kienet ġiet maqbula wara t-Trattat ta’ Lisbona, biex tagħti iżjed leġittimità lill-Kummissjoni Ewropea u ma tkunx biss magħżula mill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kienet dik li kull Partit fil-Parlament Ewropew ikollu l-kandidat tiegħu għal President tal-Kummissjoni, imbagħad dak il-Partit li jġib l-aktar siġġijiet ikun dak li bil-kandidat tiegħu bħala President jipprova jġib maġġoranza biex japprova l-Kummissjoni Ewropea. Sistema simili ta’ kif Partiti f’koalizzjoni jġibu maġġoranza flimkien biex japprovaw Gvern. B’hekk, anke l-Kummissjoni Ewropea jkollha leġittimità ġejja mill-vot tal-poplu.



F’dan il-Kungress allura l-EPP kellu jagħżel min ħa jkun il-kandidat tiegħu. U kkontestaw żewġ kandidati. Dawn kienu Manfred Weber, mill-Partit tas-CSU fil-Ġermanja li hu l-Kap preżenti tal-Partit Popolari fil-Parlament Ewropew, u li ħafna minnha żgur nafuh għal ħbiberija li dejjem kellu mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin u l-appoġġ li dejjem kien ta lil Simon Busuttil; u Alex Stubbs, mill-Partit Kokoomus fil-Finlandja, li kien Ministru tal-Finanzi u għal ftit żmien anke Prim Ministru fil-Finlandja.

Iż-żewġ kandidati kienu kandidati validissimi, iżda d-delegazzjoni tagħna esprimiet sa mill-bidu l-appoġġ tagħha lil Manfred Weber, li rebaħ din l-elezzjoni b’492 vot kontra 127. Il-Partit Nazzjonalista f’din l-elezzjoni kellu 10 voti, tlieta minnhom tal-MEPs tagħna, u s-seba’ l-oħra għad-delegati tal-Partit, inkluż il-Kap, Segretarju Ġenerali, Presidenti u Uffiċċjali. Kellna wkoll vot ieħor permezz tal-Viċi Kap David Agius li huwa Viċi President tal-Ħaddiema Demokristjani (EUCDW), fergħa tal-EPP li magħha hija affiljata l-SĦPN (Solidarjetà Ħaddiema).



Apparti l-vot tal-iSpitzenkandidat, bħala delegazzjoni pparteċipajna wkoll f’numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ Prim Ministri u Kapijiet tal-Oppożizzjoni fl-istess familja tagħna fl-Ewropa, kif ukoll mal-istess Weber u Stubbs, u ma’ Dana Murphy, li ser ikun qed jikkordina l-kampanja tal-EPP fil-pajjiżi kollha membri bejn issa u Mejju li ġej.

Tressqu wkoll numru ta’ policy papers u riżoluzzjonijiet biex jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-EPP fuq diversi kwistjonijiet li qed jaffaċċjaw il-popli Ewropej, partikolarment is-sigurtà, il-kontroll tal-fruntieri u l-immigrazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, id-difiża tal-valuri Ewropej u tal-libertà tal-espressjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-importanza tas-saltna tad-dritt f’kull pajjiż. Il-kontenut kollu wieħed jista’ jaqrah hawn.



Wieħed mal-ewwel jinnota li dawn il-kwistjonijiet huma relevanti ħafna wkoll għal Malta, u l-pożizzjonijiet li qed jieħu l-EPP huma paralleli ma’ dawk tal-Partit Nazzjonalista f’Malta, u fl-interess tal-poplu u n-nazzjon Malti. Il-votant Malti għandu jżomm f’moħħu anke fl-elezzjonijiet li ġejjin li apparti li ser ikun qed jagħżel il-Membri Parlamentari Ewropej ta’ Malta, ser ikun qed jagħżel indirettament ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Vot għal MEPs tal-Partit Nazzjonalista jfisser ukoll vot għal Weber bħala President tal-Kummissjoni.

Matul ix-xhur li ġejjin ser inkunu qed nispjegaw ħafna aktar fid-dettal kif dan huwa ħafna iżjed fl-interess ta’ Malta mill-kandidati l-oħra għal Presidenza li ser ikunu qed jippreżentaw il-Gruppi Parlamentari l-oħra, fosthom is-soċjalisti. 




Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 11 ta' Novembru 2018

Comments