Skip to main content

32 sena wara – l-istess kultura ta’ impunità




Din il-ġimgħa fakkarna t-32 sena anniversarju mill-qtil ta’ Raymond Caruana, u l-avvenimenti kollha li seħħu qablu u warajh. Il-mass meeting fiż-Żejtun, l-isparatura fuq il-każin ta’ Ħal Tarxien, l-isparatura li qatlet lil Raymond fil-Gudja, u naħseb l-agħar skandlu fl-istorja politika Maltija, il-frame-up ta’ persuna innoċenti u l-attentat ta’ qtil fuqha mill-istess Korp tal-Pulizija li suppost kien qed jipproteġieha u li suppost kien qed jinvestiga u jinterroga lil ħatja.

Raymond Caruana kien żagħżugħ Gudjan, bħali. Ma nafux, twelidt appuntu ftit xhur qabel il-qtil tiegħu. Jiftakru missieri li trabba miegħu fil-Gudja, u li kien biss b’xorti tajba li ma kienx magħhom fil-każin dakinhar. Kulħadd kien jafu bħala żagħżugħ kwiet imma ġenwin, li kien jagħmel minn kollox biex jgħinek. Il-ħolm ta’ ħajtu pero’ serquhulu, kissruhulu u qerduhulu, grupp ta’ kriminali politiċi li kienu draw f’kultura fejn jagħmlu li jridu għax jafu li l-Partit fil-Gvern kien ħa jgħattilhom.

U kif inhu rilevanti dan illum? Illum is-sitwazzjoni mhix il-bogħod. F’pajjiżna l-Gvern ta’ Joseph Muscat reġa’ rawwem kultura fejn jekk inti tkun ta’ ġewwa, tħoss li tista’ tagħmel li trid għax taf li l-Gvern ser jgħattilek. Għax taf li l-Kummissarju tal-Pulizija pupazz li kif ipoġġuh joqgħod. Għax taf li l-istituzzjonijiet suppost indipendenti huma kontrollati mill-Gvern, u allura m’għandekx għalfejn tinkwieta dwarhom. Kulma trid, tilgħaq lil min għandek tilgħaq.

Din il-mentalità tidher ċara fil-każ tal-iskandlu enormi tal-powerstation tal-Electrogas. Nafu issa li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu kumpaniji sigrieti l-Panama, grazzi għal Brian Tonna, u li dawn il-kumpaniji kellhom idaħħlu €5,000 kuljum mingħand is-shareholder ewlieni tal-Electrogas, li ngħażlu mill-istess Brian Tonna biex jieħdu l-kuntratt tal-powerstation. Skandlu li qed iħammġilna wiċċna mad-dinja kollha. Fejn kull aġenzija tal-aħbarijiet fid-dinja, u l-mexxejja tal-pajjiżi l-oħra Ewropej, baqgħu imbellħa. Għax kien jaħsbu li Malta pajjiż normali, u f’pajjiż normali, meta jfaqqa’ skandlu bħal dan, pruvat u dokumentat, mhux biss il-politiċi jirriżenjaw iżda jitressqu l-Qorti taħt arrest.

Iżda f’Malta, il-Prim Ministru ma ra xejn ħażin. Ma fehemx xi jfissru dawn il-fatti li qed jara kulħadd. Anzi, qalilna ma ninkwetawx għax fuq il-ħasil tal-flus mhux qed jiġu investigati Keith Schembri u Konrad Mizzi, imma qed tiġi investigata biss il-kumpanija li ħa tgħaddilhom il-flus. Qed nerġgħu ngħixu f’sitwazzjoni fejn qisu l-poplu Malti ra sparatura sseħħ quddiemu, u l-Prim Ministru jibqa’ jgħidilna li qed jiġi investigat biss is-senter, imma mhux sidu u lanqas min għafas il-grillu!

32 sena ilu kellna Gvern li ddefenda u għatta lil min spara u qatel. Illum, għandna Gvern li jiddefendi u jgħatti lil min jisraq, jikkorrompi u jaħsel il-flus maħmuġin.

32 sena ilum kellna Gvern u Korp tal-Pulizija li meta waslet għandhom l-arma tad-delitt tal-qtil ta’ Raymon, l-akbar prova li jista’ jkollok f’delitt, flok investigaw lil min tahielhom u ressquh il-Qorti, użawha biex ostru l-ġustizzja, użawha biex għamlu frame-up fuq bniedem innoċenti li mbagħad anke pruvaw joqtluh biex joqtlu l-verità miegħu. Illum għandna l-istess sitwazzjoni, fejn il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija jaslulhom il-provi tar-reat, jaslulhom ir-rapporti tal-FIAU, jitkellmu l-whistleblowers, iżda flok jieħdu azzjoni jaraw kif ħa jostru l-ġustizzja, kif ħa jaħbu l-provi, kif ħa jħallu l-kriminali jiġru barra.

Għax dak biss li nbidel minn 32 sena ilu. Fejn il-kriminali qabel kienu jiġru fit-toroq bil-jeeps iwerwru n-nies bil-machine guns, illum jiġru fil-kurituri tal-poter jisirqu lin-nies, moħbija wara l-ġlekk u l-ingravata. Imma kriminali jibqgħu.

Għaddew 32 sena, imma dak li qed ngħixu llum huwa ripetizzjoni ta’ dak li għex il-poplu Malti fit-tmeninijiet. Il-ġlidiet li saru fil-passat, irridu ngerġgħu nagħmluhom illum. U f’din il-ġlieda, il-Partit Nazzjonalista ser ikun fuq quddiem biex flimkien nerġgħu ngħixu f’pajjiż normali fejn isaltnu l-ġustizzja, id-demokrazija u l-libertà. Biex dak li ħadmu u batew għalih missirijietna, ma jkunx ta’ xejn. U biex il-prezz li ħallas b’demmu Raymond Caruana, ma jkunx tħallas għalxejn.



Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 9 ta' Diċembru 2018

Comments

Popular posts from this blog

Elezzjoni għal Viċi Kap

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ Viċi-Kap li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta' tiġdid li għaddej minnu l-Partit stess, biex ikun jista' jkompli jwettaq il-bidliet pożittivi f'pajjiżna. Għalhekk kien ta' pjaċir għalija li nhar is-Sibt li għadda kont wieħed minn tal-ewwel li iffirmajt in-nomina ta' Dr. Simon Busuttil għal din il-kariga tant importanti. Nawguralu minn qalbi.

Why I am dropping out of the Anti-ACTA protest

Like many avid internet users, I have followed with interest the debate about ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement). After reading numerous articles, watched sensational videos, and discussed ad nauseam with friends, I have realized that what I have come across is a campaign hi-jacked by lies, myths and misconceptions as to rival Malta's misinformed divorce referendum campaign. I have to say that the videos on Youtube   got me worried. I quickly signed the petition, joined the Anti-ACTA groups, and prepared myself for a full-blown fight against the big-governments who want to intrude on our privacy and freedom of expression. Like our MEP Edward Scicluna invited us to do in the University debate last Wednesday, I did not try to understand the details of ACTA but rather saw who the players behind it were. But as usual, my logical instincts took over, and his call to not try to understand ACTA actually pushed me to read the text. And here's what I now know: ACTA is ...

Who's the real monster?

I usually hate comparisons, but some very different reactions from the 'great unthinking' rabble do merit some analysis. In May this year, the notorious dog Star was found buried alive . A prima facie , this looked liked the most horrific case of animal cruelty, and is still considered so by some. The perpetrator was described by the sensitive and caring animal-lovers as a villain, a heartless monster, deserving of death, stoning, or even to be 'buried alive in the same manner'. But what did Mr. Vella actually do, according to the testimony heard in Court? Star was sick. It was shedding fur, and quite old already, and its owner did not afford the treatment. In trying to save some money from paying for the dog to be put to sleep and killed properly by vets, she gave it to Mr. Vella to have it killed himself. Nothing much to make people angry till now. Mercy-killing of very sick and suffering animals is widely done and usually a...