Skip to main content

Powerstation Mirakoluża





Bħal-lum ġimgħa fil-Parlament ġie ppubblikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-powerstation il-ġdid tal-Electrogas. Rapport li f’kull paġna tiegħu ssib kliem ta’ kundanna għal proċess li ntuża, għan-nuqqasijiet fl-amministrazzjoni tiegħu, u għal kemm ma kienx ġust ma’ dawk kollha li pruvaw juru interess fih.

Mhux hekk biss, iżda jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista kellu raġun fuq dan il-proġett sa mill-bidu. Il-Partit Nazzjonalista kien jgħid li bil-ftehim li kien qed jipproponi l-Gvern, il-pajjiż kien ser jitlef milli juża’ l-potenzjal tal-interconnector, għax peress li l-Gvern kien ħa jintrabat li jixtri l-elettriku kollu minn din il-powerstation, fil-ħinijiet fejn il-prezz minn fuq l-interconnector ser ikun irħis, il-pajjiż kien ser jispiċċa ma jixtri xejn minnu. U dan l-Awditur Ġenerali jikkonfermah. Jgħid li idejn l-Enemalta fuq minn fejn tixtri huma marbutin. F’sezzjoni 13.4.14 jgħid: “the sources and extent of energy procured were limited by constraints imposed in terms of take or pay obligations arising from the PPA and the GSA” (l-għażla ta’ minn fejn tinxtara l-enerġija hija limitata minn dak impost mill-obligi tal-ftehim mal-Electrogas). Iżid imbagħad, f’13.4.20, li “as the price of electricity sourced through the interconnector increased, greater volumes were purchased, and as the price decreased, less volumes were procured” (meta l-prezz mill-interconnector kien għoli, xtrajna iktar, meta l-prezz raħas, xtrajna inqas). Eżatt kif antiċipa li ser jiġri l-Partit Nazzjonalista.

Imbagħad l-Awditur jagħmel eżerċizzju. Jgħid isma’, li kieku avolja idejna marbutin kif inhuma, noqogħdu ftit attenti li almenu meta l-prezz tal-interconnector ikun ogħla minn tal-Electrogas nixtru inqas minn fuqu, u nixtru aktar mill-interconnector meta dan ikun irħas. Xi ħaġa loġika u sempliċi. U f’13.4.24 jikkonferma li kieku l-Enemalta biss qagħdet ftit attenta għal kif qed tixtri, setgħet tiffranka €10.1 miljuni fil-15-il xahar li investiga!

Iżda apparti din il-ħela ta’ flus, li qed isservi biex timla aktar il-bwiet tal-Electrogas, u allura l-bwiet ta’ 17 Black minn fejn infakkar li Konrad Mizzi u Keith Schembri ddikjaraw li ser jirċievu €5,000 kuljum, jew €35,000 fil-ġimgħa, l-Awditur sab xi ħaġa oħra stramba. Neħodkom f’sezzjoni 6.1.35, paġna 197 tar-rapport. L-Awditur jistudja l-kontijiet li ħallset l-Enemalta lill-Electrogas. U hemm żewġ rati. Hemm rata li l-Enemalta tħallas għall-units li l-Electrogas jiġġeneraw, li hija ta’ madwar 3ċ kull unit, li tħallasha anke jekk ma tużahomx. U hemm rata oħra li tħallas għal dawk il-units li tuża, li hija ta’ 8ċ kull unit. Jiġifieri kull unit li ma tużax jiġieha bit-3ċ, u kull unit li tuża jiġieha b’kollox bl-11ċ. Għalkemm skont il-ftehim, mill-inqas 85% mill-units li jiġu ġġenerati l-Gvern irid jixtrihom bl-11ċ anke jekk ma jkollux bżonnhom.

Pero’ l-kbira hija din. Għal 4 xhur sħaħ, bejn Lulju u Ottubru 2017, l-ammont ta’ units li ġew ġenerati mill-Electrogas huwa inqas mill-ammont ta’ units li użat l-Enemalta. Miraklu. B’mod ta’ barra minn hawn, l-Electrogas tatna units x’nużaw iżjed minn kemm iġġenerat. Din xi ħaġa li d-dinja kollha qatt ma kienet rat qabel, ħlief meta seħħ il-miraklu tal-ħobż u l-ħut elfejn sena ilu. Din il-powerstation ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat, tant hi tajba li kapaċi tbiegħilna units li lanqas biss tkun iġġenerat.

U l-Awditur staqsa kif dan jista’ jkun. U ħadd ma wieġbu. Wara xhur sħaħ ta’ stennija mindu beda jinvestiga dawn il-kuntratti, la l-Electrogas u lanqas l-Enemalta ma wieġbu fuq kif din ġrat. U jgħid “this is somewhat anomalous...energy made availabe by Electrogas was less than taht delivered to Enemalta. Queries in this regard remained unaddressed at the time of reporting”.

Huwa ċar, għal kulmin jaħseb, għal kulmin kapaċi jara l-affarijiet waħdu, li din il-powerstation ma saritx biex ittejjeb il-pajjiż. Ma saritx biex ittejjeb l-infrastruttura. Ma saritx biex traħħas il-kontijiet. Ma saritx biex issalva l-Enemalta. Saret biex jgħaddu miljuni kbar lil !7 Black biex din tkun tista’ tgħaddi €5,000 kuljum lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, waqt li huma jagħtu €2.33 fil-ġimgħa lill-poplu Malti biex jippruvaw iżommuh kuntent.

Iftaħ għajnejk poplu, għax ma jixraqlekx tiġi trattat hekk.



Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tan-Nazzjon ta' nhar l-Erbgħa 5 ta' Diċembru 2018

Comments