Skip to main content

Proġett imbagħbas mill-bidu





Il-ġimgħa l-oħra ġie pubblikat ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni li hu għamel fuq il-kuntratt tal-Electrogas, il-powerstation il-ġdida tal-gass f’Delimara li kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni 2013. Dan ir-rapport jinsab aċċessibbli online fis-sit tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fuq http://nao.gov.mt/en/recent-publications. Hemm il-verżjoni sħiħa ta’ kważi 600 paġna, u verżjoni mqassra (abridge) ta’ 52 paġna. Nissuġġerilkom ittuh daqqa t’għajn ħalli tevalwaw dak li qed jingħad fil-media b’moħħkom.

F’kull parti tiegħu, ir-rapport jikkritika l-proċess tal-għażla. Jitkellem fuq kif inbidlu t-termini bejn l-ewwel Espressjoni ta’ Interess, u t-tieni parti tar-Rikjesta għal Proposti. Termini li nbidlu biex jiffavorixxu lil xi ħadd fuq ieħor.

Jitkellem fuq kif ġew skwalifikati bidders għal raġunijiet li jekk tintuża’ l-istess riga, kellhom jiġu skwalifikati fuqhom l-Electrogas ukoll. Jgħid li l-Electrogas ma kellhomx il-minimu ta’ dak li kien mitlub biex jikkwalifikaw.

Jgħid li kien irregolari li l-Gasol, li kienu parti mill-Electrogas, f’nofs il-proċess biegħu l-ishma tagħhom lill-kumplament tal-membri tal-Electrogas. Dan bidel il-kompożizzjoni tal-konsorzju, li kienet kontra r-regoli tal-RfP li kien ħareġ il-Gvern. Ma jifhimx ukoll kif dawn kellhom mal-€20 miljun inqas fil-finanzjament, li kieku sar due diligence kif suppost kienet ukoll tiskwalifikahom.

Jgħid ukoll kif il-Bord tal-Għażla kien immexxi minn Brian Tonna, ta’ Nexia BT, li mbagħad serva bħala l-awditur tal-GEM Holdins, waħda mill-kumpaniji tal-Electrogas innifisha, u li kien hu li waqqaf il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u li fihom iddikjaraw li ħa jdaħħlu €150,000 fix-xahar mingħand l-ikbar shareholder tal-Electrogas, Yorgen Fenech. Jgħid ukoll li f’dan l-istess Bord, jew Kumitat, kien hemm id-DNV Kema, li niftakruhom qabel l-elezzjoni jtuna preżentazzjoni li tgħid kemm hi tajba l-proposta tal-Partit Laburista tal-powerstation il-ġdida.

Jgħid kemm hi stramba, u mhux normali, li s-Socar tal-Azerbaijan, li magħhom sar il-ftehim għax-xiri tal-gass, ikunu wkoll parti mill-Electrogas li qed tixtri. Jgħid li l-esperti tiegħu dan it-tip ta’ inċest qatt ma rawh. Hawn niftakru li fix-xiri tal-gass tlifna mal-€40 miljun għax minflok xtrajna mingħand is-Shell xtrajna mingħand is-Socar, li għax m’għandhomx gass, jixtruh huma mingħand is-Shell.

Jattakka bl-aħrax il-Garanzija Bankarja ta’ €450 miljun li għamel il-Gvern fuq is-self tal-Electrogas. Jgħid li din tathom vantaġġ fuq bidders oħra, mentri t-talba kienet biex min jieħu l-proġett jiffinanzjah waħdu. Jgħid li din esponiet lill-pajjiż għal riskji kbar, eżaġerati u bla bżonn.

Jikkonferma li minħabba dan il-ftehim, maħniex nużaw l-interconnector bl-aħjar potenzjal tiegħu. Qed nixtru l-enerġija mingħand l-Electrogas għal iktar minn €50 ogħla kull MWh (jiġifieri kull 1,000 unit) milli kieku nixtruha minn fuq l-interconnector. Jikkonferma wkoll dak li kien iwissi fuqu l-Partit Nazzjonalista sa mill-bidu: li minħabba dan il-ftehim spiċċajna nixtru iktar minn fuq l-interconnector meta jkun għoli, u inqas meta jkun l-orħos.

Jistaqsi wkoll x’sens tagħmel li l-Kabinet, wara Ġunju 2017, awtorizza lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi biex jiffirma xi kuntratti tal-ftehim tax-xiri tal-enerġija, minflok lill-Ministru tal-Enerġija kif isir is-soltu.

Fil-ġimgħat li ġejjin ser inkomplu nispjegaw x’sab l-Awditur f’dan il-ftehim, u għalfejn dan ir-rapport jikkonferma li dan il-ftehim ħa jkun ta’ piż għal pajjiżna, għalina, u għal ġenerazzjoni li ġejja, u ta’ warajha. Huwa tajjeb biss għal min minnu qed igawdi €5,000 kuljum f’kontijiet u kumpaniji moħbija.



Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-ġurnal il-Mument ta' nhar il-Ħadd 2 ta' Diċembru 2018

Comments