Il-ħadma tal-Vitals
Mhux ser nerġa’ nikteb fit-tul fuq dan l-iskandlu, peress li tkellimt fit-tul fuqu f’artiklu fin-Nazzjon tal-Erbgħa li għaddew. Aktar dettalji wieħed jista’ jsibhom f’sensiela ta’ ħames artikli fis-sit https://theshiftnews.com, sit li wkoll sofra attakk ċibernetiku min-nies li ma jaqblilhomx li d-dettalji kollha ta’ dan il-ftehim jinten joħorġu fil-beraħ. Ftehim li għal darboħra jġorr it-timbru ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat. Ftehim ieħor li jinvolvi kumpaniji moħbija, għal darboħra f’Dubaj, u sidien mhux magħrufa li jagħmlu l-miljuni minn fuq dahar servizz tal-poplu Malti.
Dan il-ftehim ħoloq ukoll diżgwid fil-Gvern Laburista. Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, li llum huwa l-Ministru tas-Saħħa, ħabbar li ser iwaqqaf il-ftehim ta’ Konrad Mizzi li bih il-kumpanija Technoline ingħatat dan id-dritt esklussiv. Din hija kundanna oħra ta’ Fearne fuq dak li għamel Konrad Mizzi, wara li kien hu stess li qal li Steward huma ‘the real thing’ u mhux Vitals li kien innegozja magħhom Konrad Mizzi.
Aktar serq ta’ art il-poplu
Fi żmien il-Milied, il-Gvern approva l-bejgħ ta’ art pubblika lill-Grupp Corinthia, art li diġa’ tgawdi minn ċens għal skop ta’ turiżmu. Dan l-iskop issa ser jinbidel għal wieħed ta’ spekulazzjoni, skop ta’ bini u bejgħ ta’ proprjetà, u mhux aktar l-iskop turistiku oriġinali. Dan f’kuntest ta’ pajjiż fejn qed jiżdied in-numru ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom għax ma jistgħux isibu fejn jikru bi prezz diċenti, u għax il-Gvern naqas milli jipprovdi aktar postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Filwaqt li bħala Partit ma għandna xejn kontra l-iżvilupp u kontra l-progress, pero’ ma jagħmilx sens li art pubblika ta’ valur imprezzabbli bħal din tingħata bis-soldi għal profitt tal-privat minn fuq dahar il-poplu. Dan huwa wkoll inġust ma’ żviluppaturi oħra li jissellfu, jieħdu riskju u jinvestu f’pajjiżna, mingħajr il-benefiċċju li jingħataw preferenzi bħalma qed isir f’dan il-każ, fejn l-art ingħatat mingħajr biss il-ħruġ ta’ tender.
Infatti, anke l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qalet li qed tfittex parir legali dwar jekk l-għoti ta’ din l-art jikkostitwix ‘state aid’. Jiġifieri għajnuna preferenzjali mill-Istat lil xi ħadd partikolari. Anke huma, jaqblu li l-valur li għalih ingħatat huwa wisq baxx meta mqabbel mal-kobor u l-post fejn hi.
F'dawn l-aħħar ġranet dehru diversi stejjer spekulattivi, inkluż dwari, u allegazzjonijiet minn sorsi mhux magħrufa. It-talba tiegħi għal diskussjoni interna kienet waħda ġenwina biex nassigura li jibqa' mħares l-aħjar interess tal-Partit, kif inhu r-rwol tiegħi li nagħmel. L-Erbgħa iltaqa' l-Kunsill Amministrattiv, li jien membru tiegħu, fejn saret diskussjoni onestà, u fejn ġie deċiż li Adrian Delia jgawdi mill-fiduċja tagħna. Inħares ‘il quddiem biex din id-diskussjoni matura titkompla anke fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fil-ġranet li ġejjin.
Comments
Post a Comment