Skip to main content

PN - Oppożizzjoni bi Proposti

Partit propożittiv




Matul din il-ġimgħa naħseb kulmin kien qed isegwi dak li qed jagħmel u jipproponi l-Partit Nazzjonalista innota li dan il-Partit mhuwiex biss Oppożizzjoni li titkellem fuq in-nuqqasijiet tal-Gvern, mhuwiex biss Oppożizzjoni tikkritika dak li jkun qed isir ħażin, imma huwa wkoll Partit li joħroġ bl-ideat u jipproponi dak li jista’ jsir aħjar b’riżq il-poplu Malti.




Proposti għal ġlieda kontra l-kanċer



Nhar it-Tnejn li għadda, permezz tal-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech, il-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri, u t-tabib Michael Asciak, il-Partit Nazzjonalista għamel numru ta’ proposti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer; marda li sfortunatament qed tikber fl-inċidenza tagħha u qed tolqot ħafna nies. F’pajjiżna, jkollna elfejn każ kull sena u disa’ mitt mewt minħabba din il-marda.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista fassal għoxrin proposta biex tissaħħaħ din il-ġlieda li ser ikun qed jiddiskuti mal-istakeholders fis-settur. Fost dawn il-proposti hemm li:




  • Jsir population-based screening għal kanċer tal-prostata, li jolqot b’mod partikolari l-irġiel u li għad ma jsirx screening għalih fuq livell nazzjonali bħalma jsir fil-każ tal-kanċer tas-sider;
  • Jsir screening ukoll għal tipi ta’ kanċer ieħor li żdied fl-inċidenza u li jista’ jitfejjaq jekk jinqabad kmieni, bħal fost l-oħrajn għal kanċer tal-għonq tal-utru;
  • Jkun hemm taqsima speċjalizzata għall-kura tal-kanċer tas-sider. F’Malta jkollna tliet mija u ħamsin każ ġdid kull sena, iżda s-servizz provdut mhuwiex wieħed ħolistiku. Din it-taqsima għanda tirrefletti l-linji gwida mogħtija mill-European Society of Breast Cancer Specialists (EUSOMA);
  • Jkun hemm investiment akbar fir-riċerka u jinħarġu grants għal riċerka anke wara l-livell tad-Dottorat fl-Università ta’ Malta, anke għaliex Malta fil-qasam tar-riċerka tinsab it-tielet mill-aħħar;
  • Jiżdied is-sapport psikoloġiku speċjalizzat għat-tfal li tolqothom din il-marda u għall-ġenituri tagħhom, kif ukoll għal tfal li jkollhom lil xi ħadd mill-ġenituri milqut minn din il-marda;
  • Jintuża aktar fondi tal-Unjoni Ewropea għal attivitajiet u kampanji li jqajmu kuxjenza u li jgħin fil-prevenzjoni fil-komunitajiet;
  • Jintlaħaq it-tir li l-mediċini kollha tal-kanċer ikunu b’xejn.




Proposti għat-trasferiment tal-qbiela




Il-Partit Nazzjonalista għamel ukoll numru ta’ proposti li jemendaw l-Avviż Legali li ressaq il-Gvern biex jiffaċilità t-trasferiment tal-qbiela ta’ bdiewa ġenwini. Dan biex tonqos l-ispekulazzjoni ta’ art agrikola u biex titnaqqas il-burokrazija minn settur li jinsab għaddej minn diffikultajiet kbar.


Il-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament tipproponi li:
  • Titneħħa r-restrizzjoni li art li magħha hemm bini ma tkunx tista’ tiġi trasferita, sabiex titnaqqas l-ispekulazzjoni u aktar art tibqa’ tinħadem;
  • Jiżdiedu l-aħwa tal-kerrej u n-neputijiet tiegħu fil-lista ta’ persuni li lilhom tista’ tiġi trasferita l-qbiela;
  • Jitneħħa l-obbligu li biex bidwi bona fide li ma jkunx qarib tal-kerrej tiġi trasferita qbiela f’ismu irid ikun bilfors reġistrat bħala full-time jew part-time, għalkemm jibqa’ l-obbligu li jkun reġistrat mad-Direttur tal-Agrikoltura;
  • Tiddaħħal rata preferenzjali ta’ kera għal għaxar snin, minflok għal ħames snin, għal persuni li temmew l-istudji fl-agrikoltura fl-aħħar għaxar snin (minflok fl-aħħar ħames snin biss kif propona l-Gvern);
  • Jiddaħħal dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità.

B’dawn il-proposti tassew jiġu mgħejjuna l-bdiewa ġenwini, titnaqqas l-ispekulazzjoni tal-art, u titnaqqas il-burokrazjia. Il-biedja għandna bżonn nindukrawha u ngħinuha, mhux biss għal ġid tal-ambjent, iżda wkoll biex jibqa’ jkollna prodott lokali u frisk.

Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri li mhuwiex biss Partit li jikxef in-nuqqasijiet u l-ħażin tal-Gvern, imma qed joffri wkoll Gvern alternattiv li tassew jimpurtah minn dak li jkun qed jesperjenza kull membru tas-soċjetà.




 Dan l-artiklu deher bħala parti mir-rubrika Cyberspace fil-Mument tal-Ħadd 10 ta' Frar 2019

Comments