Skype avvanzat wisq għall-Qorti Maltija
Il-Ħamis li għadda kellhom jixhdu fil-Qorti Maltija numru ta’ xhieda Libjani dwar l-iskandlu tal-viżas mediċi li huwa allegat li kien imexxi Neville Gafà għall-Gvern Malti. Dan waqt il-kawża ta’ libell li fetaħ l-istess Gafà kontra l-editur tal-ġurnal The Malta Indepdendent David Lindsay, li kien il-ġurnal li kixef id-dettalji dwar dan l-iskandlu.
Dawn il-Libjani kellhom jixhdu permezz ta’ telefonata fuq Skype mil-Libja stess, f’isem għaxar Libjani oħra. Fl-aħħar seduta ta’ Jannar kien xhud ieħor, Ivan Grech Mintoff, li kien qal lill-Qorti li dawn ix-xhieda riedu jixhdu direttament fil-Qort b’telefonata u mhux peremzz tal-Pulizija Maltija għax ma kienux jafdaw il-Pulizija ta’ Malta u l-Gvern Malti.
Jidher iżda li fis-seduta tal-Ħamis, il-Qorti rrealizzat li ma kinetx armata bil-lest għal din ix-xhieda, u allura aġġornat is-seduta għal Mejju. U Neville Gafà, rebaħ xahrejn oħra biex fihom ikompli jgħatti dan l-iskandlu. Skandlu li fih huwa allegat li numru kbir ta’ Libjani, biex ingħataw viża medika biex jieħdu trattament mediku f’Malta, kellhom iħallsu mijiet ta’ flus lil Gafà. Skandlu li jidher li kien il-kawża biex numru ta’ tfal Libjani mietu, għamew jew baqgħu b’diżabilità permanenti oħra, għax ma ingħatawx il-viża medika li kien ħaqqhom.
Agħar minn hekk, Ivan Grech Mintoff kien anke xehed f’Jannar li għadda li fi żjarat suspettużi li għamel fil-Libja l-istess Gafà, kien offra ammonti ta’ flus lil dawn il-Libjani biex ma jixhdux fil-każ.
B’dak li ġara l-Ħamis, Gafà rebaħ xahrejn oħra biex ikompli jipprova jgħatti l-każ jew isikket ix-xhieda. Għax il-Qorti ma ħassithiex armata biżżejjed għal telefonata fuq Skype. Telefonata li kulma trid huwa laptop, jew illum il-ġurnata imqar mobile, u forsi biċċa speaker żgħir biex kulmin ikun fl-awla jkun jista’ jisma’. Dak apparat u preparamenti li kien hemm bżonn!
Huma dawn id-deċiżjonijiet strambi li jtellfuna l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħna, u li jkomplu jsaħħu dak li qal ftit tal-ġranet ilu Giovanni Bonello li jidher li anke l-Qrati tagħna qed jiġu maħtufa politikament.
Il-pjaga tal-għoli tal-ħajja
![]() |
https://www.cartoonstock.com/directory/c/cost_of_living.asp |
Skont statistika ippubblikata din il-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, Malta u Għawdex esperjenzaw l-akbar żieda fl-għoli tal-ħajja mill-2017 ‘l hawn. Dan ifisser li komplew jisplodu ‘l fuq il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi: l-ikel, il-mediċini, is-servizzi tas-saħħa, it-trasport, il-kirjiet. L-aktar li ra żieda kien proprju l-prezz tal-ikel, l-iktar prodott bażiku li għandu bżonn kulħadd.
Din hi realtà li l-Gvern għadu jiċħad. It-tkabbir ekonomiku permezz taż-żieda fil-popolazzjoni qed iwassal biex id-domanda għal prodotti, inkluż il-proprjetà, tikber b’mod sproporzjonat, tgħolli l-ħajja b’mod proporzjonat, u żżid il-faxxa ta’ nies li ma jibqgħux ilaħħqu mal-ħajja. Illum il-ġurnata mhux biss il-pensjonanti, ħaddiema fuq pagi baxxi u l-istudenti qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja, iżda anke ħaddiema f’servizzi professjonali bħal għalliema, infermiera u social workers, li anke f’każi fejn tnejn mill-koppja jaħdmu xorta waħda mhux ikun biżżejjed biex jieħdu s-self neċessarju għax-xiri ta’ darhom.
Minn pajjiż fejn konna nimbuttaw politika ta’ Sir Sid ta’ Darek, sirna pajjiż fejn bilkemm għadna sidien ta’ ħajjitna. Dan progress jew rigress?
Dan l-artiklu deher fir-rubrika Cyberspace fil-ġurnal il-Mument ta' nhar il-Ħadd 24 ta' Marzu 2019
Comments
Post a Comment