Skip to main content

Ir-Rapport GRECO

Image result for greco report corruption





F’dawn l-aħħar jiem smajna ħafna dwar ir-rapport tal-GRECO. Imma x’inhu dan il-GRECO?

Il-GRECO huwa wieħed mill-ħafna Kumitati li jħaddem il-Kunsill tal-Ewropa, li huwa l-Kunsill ta’ pajjiżi Ewropej, mhux neċessarjament membri tal-Unjoni Ewropea, li flimkien jinfurzaw il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. Dawn il-Kunsill għandu diversi Kumitati li jissorveljaw it-tħaddim tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt f’pajjiżi Ewropej, fosthom il-GRECO, li huwa l-Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni.

Malta saret membru tal-GRECO għoxrin sena ilu. F’dawn is-snin saru erba’ rapport dwar Malta. Dejjem sabet xi kummenti x’tagħmel fuq kif il-pajjiż jista’ jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu biex jiġġieled aħjar il-korruzzjoni. Imma qatt ma bagħtet rapport b’numru daqstant kbir ta’ rakkomandazzjonijiet u kummenti negattivi dwar Malta.

U dan importanti nifhmuh. Għax il-Gvern kemm-il darba jipprova jiddefendi ruħu billi jgħid li n-nuqqasijiet istituzzjonali li għandna sabhom hemm, u kien ħaddieħor li ma rranġahomx fil-ħamsa u għoxrin sena ta’ qabel. U din hi difiża assurda. Jista’ jkun li vera ma ġewx indirizzati il-loopholes kollha tal-liġijiet u l-Kostituzzjoni tagħna. Jista’ jkun li kien baqa’ aktar xi jsir biex l-istituzzjonijiet jissaħħu u jsiru aktar awtonomi. Iżda għax ħaddieħor ħalla l-bieb imbexxaq, ma jfissirx li inti kellek taqbad u tidħol u tagħmel ħerba, u mbagħad twaħħal f’min ħalla l-bieb imbexxaq!

U għalhekk minkejja li ċertu nuqqasijiet ilhom jeżistu fil-liġijiet tagħna, qatt ma kellna rapport ħażin daqs dan. Għax filwaqt li Gvernijiet passati forsi ma għalqux il-bibien kollha, iżda ħadd minnhom ma fetaħhom beraħ u minn dak ix-xaqq għamel ħerba. Kien il-Gvern ta’ Muscat li b’mod intenzjoni u premeditat abbuża biex jaħtaf l-istituzzjonijiet, iqaċċat lil min ma riedx, jieħu kollox f’idejh, u jkun jista’ jisraq u jabbuża mill-poter mingħajr ħadd ma jwaqqfu.

Ir-rapport tal-GRECO jgħid li filwaqt li f’pajjiżna l-istituzzjonijiet jeżistu fuq il-karti, mhumiex b’mod effettiv jindirizzaw l-allegazzjonijiet u l-każijiet li jinvolvu persuni għolja fil-poter u qrib tal-Prim Ministru. Jgħid li ma jagħmilx sens li l-Avukat Ġenerali li jiddefendi l-Gvern ikun ukoll il-prosekutur pubbliku li suppost imexxi l-każijiet kontra nies li jagħmlu parti mill-Gvern stess. Jikkundanna lill-Prim Ministru li ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwar dak żvelat fil-Panama Papers, u talli ma neħħiex mill-kariga lill-politiċi involuti. U jikkundannah ukoll li ma ppubblikax ir-rapport kollu dwar l-inkjesta Egrant, li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed ifittex li jara li jkun pubblikat b’kawża li fetaħ fil-Qorti. Jikkundanna s-sistema ġudizzjarja tagħna li mhix kapaċi tieħu azzjoni u tinvestiga suspetti li jitqajjmu mill-pubbliku iżda kważi tippretendi li l-pubbliku stess isib l-evidenza, botta ċara għad-deċiżjoni tal-Qorti li ma tinfetaħx investigazzjoni dwar il-Panama Papers kif talab li ssir Simon Busuttil.

Issa l-Gvern qal li ser jieħu azzjoni, u qal li ser joħloq il-kariga ta’ Prosekutur Pubbliku li jkun separat mill-Avukat Ġenerali. Iżda qed jibża’ jgħid li dan il-prosekutur ser ikun ukoll magħżul mill-Prim Ministru, kontra l-ispirtu ta’ dak kollu li qal ir-rapport GRECO u ta’ dak li diġa’ qal ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja.


Għax jekk fejn ikun hemm bieb imbexxaq qed iġagħluhom jagħlquh, iridu bilfors jiftħu jew ibexxqu ieħor. Inkella ma jkunux jistgħu jkomplu jagħmlu ħerba.


Dan l-artiklu deher fil-ġurnal in-Nazzjon tal-Erbgħa 10 ta' April 2019

Comments