Skip to main content

Kwoti fil-Parlament




Din il-ġimgħa ġie mniedi dokument ta’ konsultazzjoni varat mill-Gvern li jipproponi emendi Kostituzzjonali biex jiżdiedu s-siġġijiet fil-Parlament sabiex is-sess l-inqas rappreżentat, fil-preżent is-sess femminili, jiżdiedulu s-siġġijiet meta jkollu inqas minn 40% rappreżentanza. Hu propost li l-ammont ta’ siġġijiet miżjuda jkun sa massimu ta’ 12, ikun maqsum b’mod ugwali bejn iż-żewġ partiti (sabiex id-differenza fis-siġġijiet tibqa’ l-istess), jidħol fis-seħħ biss meta jitilgħu żewġ partiti, u jmur għand in-nisa li jkunu baqgħu mdendlin fl-aħħar count, imbagħad wara dawn jitqassmu l-voti tal-irġiel li ma jkunux telgħu u jkunu baqgħu imdendlin, imbagħad jintużaw il-voti ta’ dawk li jitilgħu bl-elezzjoni każwali.

Ejja nħarsu ftit lejn l-istatistika u lejn il-fatti. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, fil-listi li ġew preżentati lill-votanti kien hemm 280 raġel u 68 mara. Meta tħares lejn il-ħames kandidati li ġew eletti minn kull distrett (qabel ma tikkunsidra n-nisa eletti mill-elezzjonijiet każwali u d-deputati eletti bis-siġġijiet miżjuda mill-korrezzjonijiet Kostituzzjonali), issib li ġew eletti 55 raġel u 10 nisa. Dan ifisser li 19.6% tal-kandidati rġiel ġew eletti, u 14.7% tal-kandidati nisa ġew eletti. Id-differenza fil-probabbilità li tkun elett bejn in-nisa u l-irġiel kienet waħda trivjali ta’ inqas minn 5%.

Jekk wieħed iħares lejn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li għaddew, fil-lista tal-vot kien hemm 24 raġel u 8 nisa.  Meta tħares lejn is-6 kandidati eletti mill-elezzjoni oriġinali, issib li telgħu 2 irġiel u 4 nisa. Li jfisser li 8% biss tal-kandidati rġiel ġew eletti, mentri 50% tal-kandidati nisa ġew eletti. Id-differenza turi li kien hemm iktar minn 5 darbiet iżjed probabbilità għan-nisa li jkunu eletti milli għall-irġiel!

Xi jfisser dan? Dan juri b’mod ċar li f’Malta m’hawn l-ebda problema għal votant biex jivvota għan-nisa. Il-votant Malti ma jbati bl-ebda preġudizzju, u dan ma joħloq ebda opportunità inqas jew probabbilità inqas għan-nisa li jkunu eletti. L-għeruq tal-problema hija li jkun hemm nuqqas ta’ kandidati nisa fejn jidħlu l-elezzjonijiet tal-Parlament Malti. Infatti, l-istatistika turi illi li kieku kien hemm kandidati nisa daqs kemm kien hemm kandidati rġiel, b’dik l-istess probabbilità kienu jiġu eletti madwar 29 mara u 36 raġel, li jfisser 44.6% kienu jkunu nisa u ma kien ikun hemm bżonn l-ebda mekkaniżmu ta’ kwoti.

Mela allura, il-problema li rridu nindirizzaw hija li naraw li jkun hemm aktar kandidati nisa. Mela ejja naraw li m’hemm l-ebda ostaklu biex mara tkun kandidat, jew toqgħod lura milli tipprova tkun Membru Parlamentari. Ejja naraw li l-ħinijiet tal-Parlament ikunu ħinijiet diċenti, b’paga diċenti, u bil-possibilità li tkun full-time. Ejja naraw li l-Partiti jkunu inċentivati jippreżentaw listi bilanċjati, ħalli jsir sforz aktar li jinstabu u jiġu ppreżentati kandidati nisa. Dawn iva huma kollha miżuri li naqbel magħhom, u li ċert iwasslu biex b’mod naturali jkun hemm aktar nisa fil-Parlament.

Imma jien kontra kull forma ta’ tbagħbis ta’ riżultat demokratiku biex noħolqu r-riżultat li nixtiequ. Xi ħaġa bħal din tmur kontra kull prinċipju ta’ xi tfisser demokrazija rappreżentattiva, fejn il-votant jagħżel hu lil min irid jirrappreżentah.

Demokrazija liberali tfisser ugwaljanza fl-opportunità, mhux ugwaljanza fir-riżultat. L-ugwaljanza fir-riżultat hija ideoloġija komunista, u toħloq preċedent li jqabbadna niżla li diffiċli nwaqqfu.

Għax fejn ħa tieqaf tagħmel kwoti? Fuq liema karatteristiċi tieqaf tidentifika kif il-Parlament ikun ‘inklussiv’? U dan, kif inhu konformi mal-liġijiet li għadda dan il-Gvern stess fejn il-ġeneru sar identifikazzjoni b’għażla tal-persuna, u mhux aktar xi ħaġa bijoloġika? X’jiġri jekk jien illum nagħżel li nkun identifikat bħala mara, inkun elett bi kwota, u mbagħad wara nagħżel li nkun identifikat bħala raġel? U min għażel li jidentifika s-sess tiegħu b’X, ma liema kwota jgħodd? Jew ħa jkun hemm kwota oħra għal dan il-ġeneru?

Dawn huma mistoqsijiet li jien nemmen li lanqas biss għandna naslu għalihom. L-individwu m’għandux ikun identifikat bis-sess, bl-orjentazzjoni jew b’xi karatteristika fiżika, imma bl-abbilità tiegħu li jirrapreżenta lil votant. U dik għandu jkun biss il-votant li jiddeċiedi dwarha, mingħajr l-ebda ‘espert’ ma jipprova jgħidlu li qed jagħżel ħażin u ‘jikkoreġilu’ r-riżultat.



Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 31 ta' Marzu 2019

Comments