Skip to main content

Biex il-PN jerġa' jkun rebbieħ




Ftit ġimgħat ilu, l-Partit Nazzjonalista sofra l-akbar telfa elettorali li qatt kellu mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn. Dan ir-riżultat ma nistgħux infarfruh taħt it-tapit bħallikieku qatt ma seħħ.
B’xorti ħażina, ir-reazzjoni tat-tmexxija tal-Partit hekk kif ħareġ dak ir-riżultat kienet waħda li bilkemm titwemmen. Skont it-tmexxija kien jaħti kulħadd barra hi: kien tort ta’ (a) xi deputati parlamentari, (b) l-hekk imsejjħa bloggers”, (c) l-hekk imsejjħa NGOs”, (d) il-mezzi tax-xandir indipendenti, (e) dawk li għażlu li ma jivvutawx, (f) l-elettorat ta’ dak id-distrett jew l-ieħor. Bil-għan li tfittex skuża u taħrab mir-realtà, it-tmexxija bdiet twaħħal f’kollox u f’kulħadd.
Jidher ċar li erġajna bdejna nirrepetu l-istess żbalji li saru fiż-żmien meta, għar-riżultati ħżiena, kienu weħlu blogger oħra, xi mezzi tax-xandir indipendenti u dawk il-votanti li “ma fehmuniex”. Attitudni bħal din m’hi ser twassalna mkien. Jekk lill-Partit irridu nreġġuh lura biex ikun wieħed rebbieħ, kulma għandna nagħmlu hu li nagħtu daqqa t’għajn lejn il-mera.
Skont il-Kostituzzjoni, l-Membri Parlamentari huma r-rappreżentanti ta’ aktar minn 135,000 votant u dawn il-Membri Parlamentari ma nistgħux intuhom ‘l ġenb. U biex ngħidu kollox, ħlief għal xi ftit kitbiet fuq il-media soċjali minn numru żgħir ħafna minnhom, ebda wieħed minn dawn id-Deputiat qatt ma naqas lill-Partit jew mar lil hinn mit-twemmin bażiku tiegħu.
Jeħtieġ nifhmu li l-bloggers, il-mexxi tax-xandir indipendenti u l-NGOs ma jiżfnux skont dak li jdoqq il-Partit. Ikexkixni l-ħsieb li fil-Partit – l-istess Partit li minn dejjem kien minn ta’ quddiem fid-difiża tal-libertà tal-kelma u tad-drittijiet tal-bniedem - jista’ jkun hemm xi ħadd li jaħseb li għandna xi dritt divin li lil dawn insoddulhom ħalqhom.
Iva, l-Partit jinsab maqsum. M’huwiex maqsum bejn “dawk ta’ Delia” u “dawk ta’ Simon”: dan ix-xenarju huwa biss propaganda tal-Labour. Simon Busuttil ilu żmien twil isostni li għall-ġejjieni m’huwiex interessat li jkollu kariga fil-Partit u fil-fatt, minn jeddu, żamm ruħu lil hinn miċ-ċentru tal-attenzjoni f’dawk li huma kwistjonijiet purament tal-Partit. Il-Partit lanqas m’huwa maqsum bejn dawk tal- establishment” u dawk tan-“new way”. Din ukoll hija propoganda simili għal tal-Labour. Jekk niġu għal dan, jista’ jingħad li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li jkunu madwar Delia u li huma ħobża u sikkina miegħu, huma ħafna aktar “establishment” minn dawk li kienu jiffurmaw it-tmexxija preċedenti, filwaqt li bosta minn dawk li qed jappoġġjaw il-mozzjoni tagħna huma d-demm il-ġdid tal-Partit: żgħażagħ u persuni li b’xi mod qatt ma kienu viċin il-poter. Dawn b’ebda tiġbid tal-imaġinazzjoni ma jistgħu jiġu mpinġija bħala l-“old guard” jew l-“establishment”: ipinġuhom b’dan il-mod dawk li, eżatt bħal tal-Labour, għandhom interess li jqarrqu.
Iva, l-Partit huwa maqsum. Bejn dawk li jemmnu li l-Partit jista’ jingħaqad u jiġġieled elezzjoni ġenerali b’Adrian Delia fit-tmun, u dawk li din l-idea ma tappellalhom xejn. Bejn dawk li jidhrilhom li Delia jista’ jrebbaħna lura dak li tlifna, u dawk li jemmnu li sakemm idum hu fit-tmun tal-Partit m’għandniex l-iċken ċans li nirbħu.  
Fl-aħħar mill-aħħar, l-għaqda fil-Partit hi r-responsabbiltà tat-tmexxija. Bl-istess mod, m’hi ħadd ħlief t-tmexxija li għandha r-responsabbiltà li tirbaħ il-fiduċja tal-elettorat. Li tirbaħ il-fiduċja tal-membri parlamentari. Li tikkonvinċi lill-bloggers u lill-NGO’s li t-taqtigħa tagħhom hi tal-Partit ukoll. It-tmexxija ma tistax tippretendi l-vot mingħand dawk li kontinwament qed jiġu mpinġija bħala  “nazzjonalisti li ma jridux jaċċettaw kap elett demokratikament”. Ħadd m’hu sid dawn il-votanti. Jekk mexxej ma jispirax il-fiduċja tagħhom, inkunu boloħ jekk nistennew li dawn sempliċement se jċedu u xorta waħda joħorġu jivvutaw għall-Partit tiegħu.
Il-vot m’huwiex xi dritt tal-Partit Nazzjonalista. Il-fiduċja m’hix xi ħaġa awtomatika, imma hi xi ħaġa li trid tintrebaħ.
Din kienet ir-raġuni għaliex, fl-isfond tar-riżultati elettorali, tajt parir lill-Kap tal-Partit u lis-Segretarju Ġenerali li f’ġieh l-għaqda fil-Partit u għall-ġid tiegħu ma kellniex għażla oħra ħlief li nwarrbu biex b’hekk nagħtu l-ispazju għal tmexxija ġdida li tkun kapaċi tgħaqqad u li tkun kapaċi ssewwi l-ħsara li kkaġunajna fir-relazzjoni ma’ bosta votanti nazzjonalisti. Mhux biss tkellimt, imma għamilt ukoll l-ewwel pass u rriżenjajt minn President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit.
Minn dakinhar ‘l hawn, it-tmexxija tal-Partit wettqet żball wara l-ieħor. Dik il-ġimgħa sħiħa ta’ ġlied u nkwiet dwar il-co-option tas-siġġu parlamentari li ġie vakat setgħet ġiet evitata. U bis-saħħa tal-fatt li t-tmexxija baqgħet tirrifjuta li titlob vot ta’ fiduċja, ħlejna xahrejn sħaħ li fihom stajna ħdimna qatigħ b’riżq ir-rifondazzjoni u l-bini mill-ġdid tal-Partit.
Kien din is-sitwazzjoni tal-biki u din l-ebusija tar-ras li kkonvinċietni li naċċetta l-istedina ta’ Ivan Bartolo biex ningħaqad miegħu u flimkien insejjħu għal laqgħa  tal-Kunsill Ġenerali biex b’hekk il-Kunsilliera tal-Partit jingħataw l-opportunità li jgħidu tagħhom u jesprimu ruħhom dwar jekk għadx għandhom fiduċja fil-Kap tal-Partit.
Naqbel kompletament ma’ dawk li jsostnu li dan kollu seta’ faċilment ġie evitat. Mexxej li huwa politikament matur kien isejjaħ dan il-vot ta’ fiduċja minn jeddu. Li kieku għamel dan, kien ikun anqas diviżiv u kien jirbaħ ir-rispett. Dan huwa tabilħaqq il-mod kif iġibu ruħhom mexxejja ta’ stoffa.
Il-mazz issa jinsab f’idejn il-Kunsilliera. Dawn jeħtieġ li jiddeċiedu jekk, minkejja l-istampa ċara li toħroġ mir-riżultati elettorali riċenti u mis-sondaġġi regolari, l-Partit għandux jibqa’ mdendel ma’ Adrian Delia sal-elezzjoni li jmiss jew inkella għandniex nevitaw id-diżastru billi tinbidel ir-rotta, tinbidel it-tmexxija u mmorru lil hinn mit-triq li qabad il-Partit tul dawn l-aħħar sentejn.
Huma l-Kunsilliera li jeħtieġ jiddeċiedu jekk il-Partit għandux ikollu mexxej li jispira l-fiduċja jew wieħed li t-tmexxija tiegħu hi msejsa fuq il-biża’. Tmexxija li toħroġ idejha u ttik merħba minflok tmexxija li sserraħ fuq l-ibbuljar. Tmexxija li jkollha l-ħila li tiffoka fuq strateġija li tista’ trebbaħ lill-Partit u mhux waħda li moħħha biss biex tgħatti l-iżbalji tagħha.
Bħalma dejjem għamilt, jien lest li nbaxxi rasi għal dak kollu li jiddeċiedi l-ogħla organu tal-Partit. Madankollu l-Kunsilliera għandhom dejjem jiftakru li ebda wieħed mill-400,000 votanti imxerrdin madwar il-pajjiż m’hu obbligat li jbaxxi rasu għal dak li jrid il-Kunsill Ġenerali.
Huma dawk li jħollu jorbtu. Biex il-PN jerġa’ jkun rebbieħ, huma proprju lil dawk li jeħtieġ li nisimgħu u nikkonvinċu.   


Dan l-artiklu ġie ppubblikat bl-Ingliż fuq il-ħarġa tat-Times of Malta tat-Tnejn 22 ta' Lulju 2019:
https://timesofmalta.com/articles/view/for-the-pn-to-win-again-mark-anthony-sammut.723640

Comments

Popular posts from this blog

Who's the real monster?

I usually hate comparisons, but some very different reactions from the 'great unthinking' rabble do merit some analysis. In May this year, the notorious dog Star was found buried alive . A prima facie , this looked liked the most horrific case of animal cruelty, and is still considered so by some. The perpetrator was described by the sensitive and caring animal-lovers as a villain, a heartless monster, deserving of death, stoning, or even to be 'buried alive in the same manner'. But what did Mr. Vella actually do, according to the testimony heard in Court? Star was sick. It was shedding fur, and quite old already, and its owner did not afford the treatment. In trying to save some money from paying for the dog to be put to sleep and killed properly by vets, she gave it to Mr. Vella to have it killed himself. Nothing much to make people angry till now. Mercy-killing of very sick and suffering animals is widely done and usually acceptable. You may

Shema Yisrael, the cries of the Palestinian people

You live a peaceful life in a modest home. You've never bothered anyone and you've never caused trouble. Out of the blues, a group of people claim that they should live in your house. Why? Because they have been persecuted in a war, and they claim that some 5,000 years ago, their God had told them your home was their promised land. Somehow, the whole community agrees with their wishes, and asks you to grant them your spare-bedroom. You oblige. After a few months, they take the whole top-floor. In a few year's time, they take over your kitchen. After a few more years, they own your house and keep you and your family locked in the bathroom. They don't even allow you to get out, while they strip-search you the few times they do. Even if it's a medical emergency. Sometimes not even medical personnel and ambulances are allowed to see to your needs while your children die in your hands. Desperation starts hitting you. Life seems to offer no hopes. In moments

Why I am dropping out of the Anti-ACTA protest

Like many avid internet users, I have followed with interest the debate about ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement). After reading numerous articles, watched sensational videos, and discussed ad nauseam with friends, I have realized that what I have come across is a campaign hi-jacked by lies, myths and misconceptions as to rival Malta's misinformed divorce referendum campaign. I have to say that the videos on Youtube   got me worried. I quickly signed the petition, joined the Anti-ACTA groups, and prepared myself for a full-blown fight against the big-governments who want to intrude on our privacy and freedom of expression. Like our MEP Edward Scicluna invited us to do in the University debate last Wednesday, I did not try to understand the details of ACTA but rather saw who the players behind it were. But as usual, my logical instincts took over, and his call to not try to understand ACTA actually pushed me to read the text. And here's what I now know: ACTA is