Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 2 ta' Mejju 2021
L-istorja soċjali ta’ pajjiżna turi l-kontribut kbir li taw Gvernijiet Nazzjonalisti favur il-ħaddiema nisa u rġiel, Maltin u Għawdxin. Il-PN dejjem emmen f’soċjetà li tistma indaqs id-dinjità ta’ kull min jagħti sehemu fil-ġid tal-pajjiż, sew jekk ikunu ħaddiema, min iħaddem, investituri, self-employed jew industrijalisti. Il-PN dejjem sostna li l-qasma u l-konflitt tal-klassi ħsara biss jagħmel lis-soċjetà.
Min-naħa tiegħu l-Partit Laburista kien jippretendi li għandu xi monopolju fuq il-ħaddiema. Minbarra miżuri ta’ ġid li introduċew gvernijiet Laburisti, il-fatti fl-istorja juru li l-Partit Laburista abbuża bil-kbir mill-għajta ‘Partit tal-Ħaddiema’ u setturi sħaħ ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom sfaw traduti u użati għall-finijiet tal-propoganda fiergħa tal-Labour.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern bil-fatti irrispetta u żied bil-kbir id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-Unjons tagħhom. Aħna emminna li l-akbar ġid li jista’ jagħmel Gvern Nazzjonalista lill-ħaddiema hu li jagħti lilhom u lill-uliedhom kull opportunità ta’ edukazzjoni u taħriġ. Meta tela’ fil-Gvern, il-PN sab Università mfarrka bi ftit mijiet ta’ studenti u b’sistema edukattiv fi kriżi mill-iċken sal-ogħla livell. Minn dan sofrew bil-kbir ulied il-ħaddiema. Mhux hekk il-PN fil-Gvern: ħallejna Università b’eluf ta’ studenti, żidna eluf oħra bit-twaqqif tal-MCAST, ilkoll bi stipendju; tkattret bil-kbir il-varjetà ta’ suġġetti, oqsma, snajja, professjonijiet li bdew jiġu mgħallma; ħloqna skemi ta’ scholarships li fetħu bibien li l-istudenti qatt ma ħolmu ta’ studju u taħriġ barra minn Malta; u mhux l-inqas daħħalna lil Malta fl-Unjoni Ewropea fejn tajna lill-ħaddiema u liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin l-akbar suq ta’ xogħol u faċilitajiet li qatt wieħed seta’ jimmaġina.
Matul din il-ġimgħa ta’ attivitajiet b’risq Jum il-Ħaddiem li fakkarna l-bieraħ, il-Kap tal-Partit Bernard Grech kellu kwantità ta’ laqgħat ma’ setturi diversi ta’ nies tax-xogħol. Għal darb’oħra il-Kap wera biċ-ċar l-impenn ġenwin li għandu l-Partit Nazzjonalista biex itejjeb il-qagħda tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin billi jġedded u jsaħħaħ il-qafas soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna. Hekk jagħmel min tassew jirrispetta u jħobb il-ħaddiema.
NIFIRĦU BL-AĦBAR POŻITTIVA TAL-MONEYVAL
Bħala poplu, u bħala Nazzjonalisti, nifirħu bl-aħbar li r-rapport tal-Moneyval li mistenni jkun pubblikat fis-sajf ser jagħtina ċertifikat tajjeb. Nittamaw li dan ikun il-bidu biex tibda tissewwa l-ħsara kbira li għamel il-Gvern Laburista fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bi ħsara kbira għas-setturi finanzjarji li minnhom jiddependu eluf ta’ ħaddiema.
Il-qawl jgħid: agħtih il-fama u armieh l-baħar. Malli wieħed jitlef il-fiduċja, jitlef kollox, u diffiċli biex tirbaħha lura. Imma ċ-ċertifikat tal-Moneyval għandu jkun il-punt tat-tluq biex nassiguraw li nirbħu lura din il-fiduċja.
Ma setax jonqos li l-propogandisti tal-Labour ħasbu li din hi xi rebħa tal-Gvern tagħhom. Ma jistax ikun aktar bogħod minn hekk. Min ikollu l-iċken qatra ta’ diċenza fil-Labour messu qed jagħmel l-irmied fuq rasu u jħabbat fuq sidru l-mea kulpa u jitlob skuża. Skuża għaliex qatt ma messna messejna il-qiegħ tal-korruzzjoni u l-abbużi biex kellna nagħaddu minn din l-investigazzjoni internazzjonali. Skuża għaliex l-imġieba diżastruża tal-Gvern Laburista ser tfisser piżijiet u ħlasijiet ġodda kuljum fis-setturi finanzjarji kollha bil-burokrazija dettaljata u ġdida li ġiet imposta wara li mal-ftit ħallelin weħlu l-biċċa l-kbira tat-tajbin.
Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti l-iċċekjar u s-superviżjoni fuq l-operat finanzjarju f’pajjiżna dejjem kien isir, u lanqas konna nindunaw għaliex dejjem ġie assigurat li ħadd ma jażżarda jipperikola r-reputazzjoni tagħna. Kienet proċedura normali. Qatt ma bżajna li aħna f’riskju. Iżda taħt il-Labour dak li kien normali sar straordinarju bil-konsegwenzi gravi li ser nibqgħu insofru għal ħajjitna.
Il-propogandisti għomja u mħallsa tal-Labour jistgħu ipaċpċu kemm iridu. Imma l-uġiegħ tal-konsegwenzi iħossuh il-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam.
Gvern Nazzjonalista għandu l-pjan biex bi kredibilità jikseb lura lejn pajjiżna l-ġieħ u l-fiduċja li jistħoqq lill-poplu tagħna.
SKANDLU TA’ 270 MILJUN DIRECT ORDER
Il-kuntratt b’direct order tal-estensjoni li inbniet f’San Vincenz de Paule ġie dikjarat li sar bi ksur tal-liġi mill-Awditur Ġenerali. Ir-rapport tal-Awditur, li ġie rapportat b’mod dettaljat f’The Times, Net News u f’ġurnali oħra, huwa l-aħħar prova f’katina ta’ każi li bdiet sa mill-ewwel jiem tal-Gvern Laburista fl-2013, tmien snin ilu.
Direct Order tfisser li l-Gvern qabad kuntratt ta’ 270 miljun u tah lil min ried bla ebda sejħa għall-offerta, bla ebda kompetizzjoni. Dan sar bi ksur sfaċċat tal-liġijiet tal-pajjiż u tar-regolamenti finanzjarji. F’pajjiż ieħor demokratiku kienu mill-ewwel jiġu sospiżi Ministri, Segretarji Parlamentari u kull uffiċjal li kellu x’jaqsam ma’ deċiżjoni bħal din. Imbagħad isiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu l-passi kollha skont il-liġi.
Kemm ser idum il-poplu ma jiftaħ għajnejh u jinduna li dawn l-abbużi qed jherru s-sinsla u l-pedamenti ta’ pajjiżna. Kemm ser indumu ma nindunaw li dawn il-miljuni huma misruqa minn ħalqna u minn ħalq uliedna? Mill-pensjonijiet u mis-servizzi tas-saħħa? X’jiswa ċertifikat tal-Moneyval jekk il-Gvern rinfaċċat b’akkużi bħal dawn jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd? Kif jista’ pajjiżna jikseb il-fiduċja li għandu bżonn bi Gvern li jiġi jaqa’ u jqum minn dak li hu sewwa?
Comments
Post a Comment