Skip to main content

Bżonn ir-raġuni, rispett u djalogu

 Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-Mument tal-Ħadd 16 ta' Mejju 2021




Is-soċjetà Maltija ma hix l-unika soċjetà li qed taffaċċja kwestjonijiet u ġrajjiet tal-akbar konsegwenzi. Jiena nifhem li mill-ħolqien tiegħu il-bniedem ma waqaf qatt jevolvi u jbiddel miegħu d-dinja ta’ madwaru. Mhux biss irnexxielna negħlbu l-ostakoli kollha u nimmultiplikaw u nikbru, talli llum hawn kważi 8 biljun persuna fuq wiċċ l-art. Irnexxielna wkoll inkattru l-ġid u inferrxuh ma’ ħafna bnadi fid-dinja għall-ġid ta’ biljuni, anke jekk fadal numru kbir ta’ miljuni li qed jgħixu f’kondizzjonijiet miżerabbli ta’ skjavitù, faqar u mard.

Fl-aħħar għoxrin sena b’mod partikolari ir-ritmu tal-bidla irranka bil-kbir tant li ħafna minna qisna qed ngħixu ħolma nippruvaw nifhmu x’laqatna. Filwaqt li qed ngħixu bidliet ekonomiċi, tekonolġiċi, soċjali, u politiċi, naħseb li l-element li l-aktar ser ikollu konsegwenzi, posittivi u negattivi, huma l-bidliet li qed isawwru klima kulturali ġdida.

Jien nitlaq mill-punt li hekk kif il-kriżi tal-bidla fil-klima naturali tolqot lil kulħadd f’kull parti tad-dinja, hekk ukoll il-kriżi tal-bidla kulturali. Irridu ngħixu magħha u nisfruttaw l-irwiefen tagħha għall-ġid. 

Biex nagħmlu dan b’suċċess jeħtieġ naffaċċjaw is-sitwazzjoni bir-raġuni, b’rispett għal xulxin, u fi spirtu ta’ djalogu ġenwin. Naf li fin-nofs hemm prinċipji fondamentali. Naf li għal ħafna f’pajjiżna huma prinċipji b’għeruq fil-fond li dwarhom ma jista’ jkun hemm l-ebda kompromess. Però prinċipju li ma nistgħux nerġgħu lura minnu hu l-prinċipju li aħna irridu ngħixu u naħdmu flimkien fi Stat imħaddem bid-demokrazija.


L-ABORT

Niddikjara bil-quddiem – jien ma naqbilx mal-abort. Jien nemmen fil-valur bla qies tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt. Ejja nsaħħu l-edukazzjoni sesswali, ejja nsaħħu s-saħħa sesswali, imma qatt ma għandha tinqered ħajja umana. Dan ma jfissirx li miniex lest li niddjaloga bir-raġuni u bir-rispett, anke ma’ min hu favur li f’Malta ndaħħlu l-abort.

Jekk fuq l-użu tal-kannabis setturi ta’ mexxejja responsabbli qed jappellaw biex wieħed ma jgħaġġilx jagħlaq id-diskussjoni u talbu li l-materja titħalla għal wara l-elezzjoni, wisq aktar is-suġġett tal-abort m’għandux jiġi diskuss, jew deċiż, ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali meta qiegħdin fi kważi kampanja elettorali.

Bir-raġuni, bir-rispett u bid-djalogu, iżda bil-kalma, imbagħad inkunu nistgħu niddiskutu, kif qed jissuġerixxi Bernard Grech, kif inħarsu l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt, u l-miżuri meħtieġa favur is-saħħa sesswali ta’ kulħadd mingħajr ma tkun ipperikolata l-ħajja tat-tarbija kemm qabel u wara t-twelid. 

Hi tassew stramba li nagħmlu tant affarijiet biex inħarsu l-ħajja tal-annimali, u nittrattaw il-ħajja tal-bniedem fil-ġuf b’mod hekk ħafif.


NAGĦTU ĠEJJIENI LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ BL-EDUKAZZJONI

L-akbar rigal li nistgħu nagħtu liż-żgħażagħ hu edukazzjoni ta’ kwalita’ miż-żmien bikri tat-trobbija, għaż-żmien primarju, sekondarju, post-sekondarju u dawk terzjarju u vokazzjonali.

Sfortunatament minkejja l-isforzi ta’ kulħadd għadu ma rnexxielniex ikollna servizzi u programmi edukattivi li qed jiżviluppaw il-ħiliet intelletwali u kreattivi taż-żgħażagħ tagħna fid-diversità tagħhom. Numru kbir ta’ żgħażagħ mhux qed jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jiffurmaw u jiżviluppaw ruħhom b’mod li jiksbu suċċess fil-karriera li jixtiequ jsegwu.

Is-servizzi ta’ gwida vokazzjonali jeħtieġ jissaħħu u jilħqu lil kulħadd fi proċess kontinwu. Il-kurrikulu u s-sillabi jeħtieġ li l-ewwel jirnexxielhom jaslu sabiex isawwru l-karattru ta’ kull ġuvni u tfajla. Filwaqt li s-suġġetti akkademiċi huma essenzjali, il-formazzjoni psiko-soċjali, il-ħiliet bażiċi li wieħed jgħix b’mod attivi u ċiviku f’komunità, u l-ħiliet kulturali, kreattivi u etiċi huma aktar fondamentali biex iż-żgħażagħ tagħna jirnexxu fil-ħajja u fuq il-post tax-xogħol. Jekk jirnexxielna nibnu dan il-pedament ta’ kull tfajla u ġuvni, imbagħad irridu nassiguraw li kull persuna tiżviluppa l-moħħ tagħha skont ix-xeħta tagħha – lingwi, xjenza, matematika, teknoloġija informatika, u dan bħala l-bażi għall-għażliet vokazzjonali u professjonali ta’ dak li jkun.

Jiddispjaċini ninnota li s-soċjetà ftit li xejn qed tagħti każ dan is-settur vitali tal-edukazzjoni.


IL-FUTUR TAL-EWROPA

Ġimgħa ilu, fid-9 ta’ Mejju,  Jum l-Ewropa, ġiet imnedija l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Dan hu proċess li ser idum sejjer sas-sena d-dieħla, 2022. Il-ħsieb hu li jitwettaq djalogu u riflessjoni li fih jieħdu sehem kemm jista’ jkun nies minn kull saff tas-soċjetà f’kull Stat Membru.

Aħna hawn Malta wkoll jeħtieġ li nirriċerkaw u niddiskutu x’Unjoni Ewropea nixtiequ naraw tiżviluppa fis-snin li ġejjin. Issa għandna esperjenza ta’ 17 il-sena. Din kienet sħubija storika li qed tagħtina ġid kbir, mhux biss finanzjarju imma wkoll fl-iżvilupp tas-soċjetà tagħna u l-opportunitajiet kbar li għandna li nieħdu sehem bil-libertà kollha fl-akbar suq tad-dinja.

Ejja insibu l-ħin nagħtu ideat ta’ x’irridu li jkun il-futur.


AWGURI DESTINY 

Minn qalbi nawgura suċċess lil Destiny Chukunyere fil-Eurovision Song Contest ta’ din il-ġimgħa. Ngħid għalija diġa’ nħossni grat għas-suċċess li qed tikseb bit-talent tal-kant sabiħ tagħha, u ċert li ser tkompli tagħmel unur lil Malta. Forza Destiny!




Comments

Popular posts from this blog

Elezzjoni għal Viċi Kap

Nemmen li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ Viċi-Kap li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta' tiġdid li għaddej minnu l-Partit stess, biex ikun jista' jkompli jwettaq il-bidliet pożittivi f'pajjiżna. Għalhekk kien ta' pjaċir għalija li nhar is-Sibt li għadda kont wieħed minn tal-ewwel li iffirmajt in-nomina ta' Dr. Simon Busuttil għal din il-kariga tant importanti. Nawguralu minn qalbi.

Why I am dropping out of the Anti-ACTA protest

Like many avid internet users, I have followed with interest the debate about ACTA (Anti-Counterfeiting Trade Agreement). After reading numerous articles, watched sensational videos, and discussed ad nauseam with friends, I have realized that what I have come across is a campaign hi-jacked by lies, myths and misconceptions as to rival Malta's misinformed divorce referendum campaign. I have to say that the videos on Youtube   got me worried. I quickly signed the petition, joined the Anti-ACTA groups, and prepared myself for a full-blown fight against the big-governments who want to intrude on our privacy and freedom of expression. Like our MEP Edward Scicluna invited us to do in the University debate last Wednesday, I did not try to understand the details of ACTA but rather saw who the players behind it were. But as usual, my logical instincts took over, and his call to not try to understand ACTA actually pushed me to read the text. And here's what I now know: ACTA is ...

Who's the real monster?

I usually hate comparisons, but some very different reactions from the 'great unthinking' rabble do merit some analysis. In May this year, the notorious dog Star was found buried alive . A prima facie , this looked liked the most horrific case of animal cruelty, and is still considered so by some. The perpetrator was described by the sensitive and caring animal-lovers as a villain, a heartless monster, deserving of death, stoning, or even to be 'buried alive in the same manner'. But what did Mr. Vella actually do, according to the testimony heard in Court? Star was sick. It was shedding fur, and quite old already, and its owner did not afford the treatment. In trying to save some money from paying for the dog to be put to sleep and killed properly by vets, she gave it to Mr. Vella to have it killed himself. Nothing much to make people angry till now. Mercy-killing of very sick and suffering animals is widely done and usually a...